Simboli

Deżert

Sib post għall-kwiet.

Ħu nifs u ffoka fuq il-ħsejjes ta’ madwarek… fuq nifsejk…. fuq qalbek tħabbat…

Aħseb minn fejn ġej……u għaraf li issa mument ieħor….għal ftit ħin, ħalli d-dinja warajk.

Idħol fil-preżenza ta’ Alla.

Oqgħod fis-skiet għal ftit minuti biex tipprepara ruħek għal dan il-mument ta’ talb. 

“Fik jittama min jagħraf lil ismek, għax int, Mulej, ma titlaqx ’il min ifittxek.”  – SALMI 9:11

Mulej, il-ħarsa tiegħek hija ħarsa ta’ mħabba u ħniena.  Hekk kif tħares lejja, imla l-qalb tiegħi bl-imħabba u ħniena tiegħek.

Silta mill-Vanġelu

Imbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż.” Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ ”

Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li, ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek,’ u li ‘Fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’ ” Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll, ‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek.’ ”

Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.” Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub, ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.’ ”

Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.

Mt 4:1-11

Riflessjoni

Minn Fomm il-Papa

F’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent, il-kelma t’Alla tpoġġi quddiemna l-figura ta’ San Ġwann Battista. L-Evanġelju jenfasizza żewġ affarijiet importanti: il-post fejn jidher Ġwanni, li hu d-deżert, u l-kontenut tal-messaġġ tiegħu, li huwa l-konverżjoni. Deżert u konverżjoni. L-Evanġelju tal-lum jenfasizza dawn iż-żewġ kelmiet b’tali mod li jġielna nirrealizzaw li t-tnejn jikkonċernawna direttament.…..

Id-deżert.

L-evanġelista Luqa jintroduċi x-xena b’mod partikolari. Jitkellem dwar iċ-ċirkostanzi solenni u l-irġiel kbar ta’ dak iż-żmien, isemmi l-ħmistax-il sena tal-Imperatur Tiberju, il-gvernatur Ponzju Pilatu, ir-Re Erodi u mexxejja politiċi oħra kontemporanji. Imbagħad jirreferi għall-mexxejja reliġjużi, Anna u Kajfa, li kienu qed jaqdu fit-Tempju ta’ Ġerusalemm (ara Lq 3,1-2). F’dan il-punt, Luqa jgħidilna: “Il-kelma ta’ Alla waslet għand Ġwanni bin Żakkarija fid-deżert” (3:2).

Imma kif waslet dik il-kelma? 

Forsi konna nistennew li l-​kelma t’Alla tasal lil wieħed mill-​persunaġġi distinti li għadna kif semmejna. Minflok, b’ironija sottili bejn il-linji tal-Vanġelu: mill-iskala ta’ fuq tas-setgħana, f’daqqa waħda nimxu lejn id-deżert, għal bniedem mhux magħruf, solitarju.

Alla jissorprendina. Il-modi tiegħu jissorprenduna, għax huma differenti mill-aspettattivi umani tagħna; ma jirriflettux il-qawwa u l-kobor li aħna nassoċjaw miegħu. Tabilħaqq, il-Mulej iħobb dak li hu żgħir u baxx. Il-fidwa ma bdietx f’Ġerusalemm, Ateni jew Ruma, imma fid-deżert. Dan l-approċċ paradossali jgħidilna xi ħaġa sabiħa: li tkun qawwi, edukat jew famuż ma hi l-ebda garanzija li nogħġob lil Alla, għax dawk l-affarijiet jistgħu fil-fatt iwasslu għall-kburija u biex tiċħadh. Minflok, irridu nkunu fqar internament, anke kif id-deżert hu fqir.

Ejja naħsbu aktar fil-fond dwar il-paradoss tad-deżert.…

Ġwanni l-Battista – il-Prekursur – jipprepara l-miġja ta’ Kristu f’dan il-post inaċċessibbli, inospitabbli u perikoluż. Normalment, dawk li jixtiequ jagħmlu avviż importanti jmorru f’postijiet impressjonanti, fejn ikunu jistgħu jidhru faċilment u jindirizzaw folol kbar. Ġwanni, min-naħa l-oħra, jipprietka fid-deżert. Propju hemmhekk, fi skart niexef, vojt, miġbud sa fejn tista’ tara l-għajn, inkixfet il-glorja tal-Mulej. Kif ipprofetizzat l-Iskrittura (ara Is 40:3-4), Alla jibdel id-deżert f’baħar, art niexfa f’għejun ta’ ilma (ara Is 41:18). Hawn messaġġ ieħor ta’ qalb: allura bħal issa, Alla jdawwar ħarstu lejn kull fejn ikun hemm dwejjaq u solitudni. 

Nistgħu nesperjenzaw dan f’ħajjitna stess: sakemm naħsbu fis-suċċess jew naħsbu biss fina nfusna, ħafna drabi l-Mulej ma jkunx jista’ jilħaqna; imma speċjalment fi żminijiet ta’ prova, jagħmel. Jiġi għandna f’sitwazzjonijiet diffiċli; jimla l-vojt interjuri tagħna li jagħmel spazju għalih; iżur id-deżerti eżistenzjali tagħna. Il-Mulej iżurna hemmhekk.

Itlob bil-Kelma ma’ BeHOLD

O Alla li tista kollox, bit-taħriġ ta’ kull sena matul ir-Randan imqaddes agħtina li nifhmu dejjem iżjed il-misteru ta’ Kristu, u li b’ħajja xierqa niksbu l-frott tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Aqra iktar fuq

Stedina konkreta

Jaf diġà int wieħed/waħda minna, permezz tal-għajnuna li toffri bil-kwiet lil xi membru tal-familja. Jew permezz tax-xhieda li tagħti fil-post tax-xogħol jew fil-komunità favur il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp tal-komunitajiet li int parteċipi fihom. Jew ukoll jekk iżomm il-ħidma tad-djakonija fit-talb tiegħek. Is-sostenn tiegħek jaf ikun moħbi u\jew sieket, imma mhux minsi!

Int wieħed minna! Int waħda minna! Imma jekk tixtieq toffri ftit ħin minn tiegħek biex tgħin fil-ħidma tad-djakonija fil-parroċċi u l-komunitajiet tagħna, inħeġġuk tara l-lista ta’ hawn taħt u tikkuntattjana!

Ara kif tista’ tkompli din il-mixja li bdejna.

Muntanja

Sib post għall-kwiet.

Ħu nifs u ffoka fuq il-ħsejjes ta’ madwarek… fuq nifsejk…. fuq qalbek tħabbat…

Aħseb minn fejn ġej……u għaraf li issa mument ieħor….għal ftit ħin, ħalli d-dinja warajk.

Idħol fil-preżenza ta’ Alla.

Oqgħod fis-skiet għal ftit minuti biex tipprepara ruħek għal dan il-mument ta’ talb. 

“Fik jittama min jagħraf lil ismek, għax int, Mulej, ma titlaqx ’il min ifittxek.”  – SALMI 9:11

Mulej, il-ħarsa tiegħek hija ħarsa ta’ mħabba u ħniena.  Hekk kif tħares lejja, imla l-qalb tiegħi bl-imħabba u ħniena tiegħek.

Silta mill-Vanġelu

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.

Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”.

Mt 17:1-9

Riflessjoni

Minn Fomm il-Papa

Il-Papa Franġisku jirrifletti fuq l-Evanġelju tal-ġurnata, l-istorja tat-Trasfigurazzjoni, qabel talab l-Angelus mal-pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru nhar il-Ħadd, it-tieni Ħadd tar-Randan.

Jitkellem dwar l-importanza li wieħed jisma’, li jkun sintonizzat u attent għall-Kelma ta’ Alla; u l-moviment tat-tlugħ u l-inżul tal-muntanja li jikkaratterizza l-episodju tal-Evanġelju (Mt 17, 1-9), li fih il-Mulej jieħu lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni fil-quċċata tal-Muntanja Tabor, juri lilu nnifsu fil-forma gglorifikata tiegħu, u jerġa’ lura għal isfel magħhom, bi twissijiet lid-dixxipli li akkumpanjawh biex ma jitkellmux dwar dak li kienu raw.

“Il-muntanja hija l-post tal-laqgħa, tal-qrubija intima ma’ Alla – il-post tat-talb, li fih wieħed joqgħod fil-preżenza tal-Mulej,” jgħidilna il-Papa Franġisku. “Aħna, id-dixxipli ta’ Ġesù, aħna msejħin biex inkunu nies li jisimgħu leħnu u jieħdu kliemu bis-serjetà.” Iżid  jgħid: “Biex nisimgħu lil Ġesù, irridu nimxu warajh.”

“Għandna bżonn immorru f’post ta’ irtir, nitilgħu fuq il-muntanja u mmorru f’post ta’ skiet, biex insibu lilna nfusna u nagħtu aħjar il-vuċi tal-Mulej”. Ma nistgħux nibqgħu hemm, madankollu. “Il-laqgħa ma’ Alla fit-talb terġa’ timbottana biex ‘niżlu mill-muntanja’ u nerġgħu ninżlu fil-pjanura, fejn niltaqgħu ma’ ħafna aħwa mtaqqlin mill-għeja, l-inġustizzja, u l-faqar kemm materjali kif ukoll spiritwali .”

Aħna msejħin biex inġorru l-frott tal-esperjenza li għandna ma’ Alla u nwassluha lil ħutna mħassba, naqsmu magħhom it-teżori tal-grazzja li rċevew.

“Tinsiex, din il-ġimgħa, isma’ lil Ġesù – u mbagħad, il-ġimgħa d-dieħla, tgħidli jekk żammejtx miegħek dik l-edizzjoni ċkejkna tal-Evanġelji, fil-but jew fil-borża tiegħek, biex taqra ftit kuljum.”

Itlob bil-Kelma ma’ BeHOLD

O Alla li tista kollox, bit-taħriġ ta’ kull sena matul ir-Randan imqaddes agħtina li nifhmu dejjem iżjed il-misteru ta’ Kristu, u li b’ħajja xierqa niksbu l-frott tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Aqra iktar fuq

Stedina konkreta

Jaf diġà int wieħed/waħda minna, permezz tal-għajnuna li toffri bil-kwiet lil xi membru tal-familja. Jew permezz tax-xhieda li tagħti fil-post tax-xogħol jew fil-komunità favur il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp tal-komunitajiet li int parteċipi fihom. Jew ukoll jekk iżomm il-ħidma tad-djakonija fit-talb tiegħek. Is-sostenn tiegħek jaf ikun moħbi u\jew sieket, imma mhux minsi!

Int wieħed minna! Int waħda minna! Imma jekk tixtieq toffri ftit ħin minn tiegħek biex tgħin fil-ħidma tad-djakonija fil-parroċċi u l-komunitajiet tagħna, inħeġġuk tara l-lista ta’ hawn taħt u tikkuntattjana!

Ara kif tista’ tkompli din il-mixja li bdejna.